RULING MOGĦTI MINN MR SPEAKER F’SEDUTA NRU 861 TAD-29 TA’ JANNAR 2003

 

Nirriferi għat-tliet każi  ta’ ksur ta’ privileġġ u cioe’:-

 

(a)               il-każ imressaq fil-konfront ta’ One News dwar rapport li xxandar fl-aħbarijiet fuq diskors li ntqal fil-Parlament f’seduta numru 830, liema każ tressaq mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura f’seduta numru 831 tad-9 ta’ Diċembru 2002;

(b)              il-każ imressaq fil-konfront ta’ l-editur u reporter tal-ġurnal “l-orizzont” dwar rapport li deher fil-ħarġa ta’ l-istess ġurnal rigward diskors li kien intqal fil-Parlament f’seduta numru 831, liema każ tressaq mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni f’seduta numru 832 ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002; u

(c)          il-każ imqajjem mill-Onor John Attard Montalto f’seduta numru 853 ta’ l-20 ta’ Jannar 2003 fil-konfront ta’ l-editur tal-ġurnal “In-Nazzjon” dwar editorjal li deher  fil-ħarġa ta’ l-istess ġurnal tat-18 ta’ Jannar 2003.

Jirriżulta li fit-tliet każi tħallew barra partijiet minn diskorsi u saru kummenti u opinjonijiet mill-ġurnalisti relattivi li mhux neċessarjament kienu jirriflettu l-ispirtu ta’ dak li ntqal fil-Parlament.  Madankollu f’dan ir-rigward hemm diversi deċiżjonijiet tas-Sedja li jagħmluha ċara li m’hemm xejn li jżomm gazzetta milli tikkummenta dwar xi diskors li jkun sar fil-Parlament jew li tiġbed il-konklużjonijiet tagħha indipendentement mill-mertu tagħhom.

 

Filwaqt li s-Sedja ma għandha l-ebda intenzjoni li tiċċensura jew iżżomm lill-istampa milli tikkummenta bil-liberta’ kollha, tfakkar li dawk il-kummenti u konklużjonijiet jibqgħu soġġetti għal-liġijiet l-oħra tal-pajjiż, partikolarment il-liġi dwar l-istampa.

 

Għaldaqstant fit-tliet każi s-Sedja ma ssibx li hemm prima facie ksur ta’ privileġġ, iżda għal darb’oħra tiġbed l-attenzjoni tal-ġurnalisti, reporters u edituri li r-rapporti li jsiru ta’ diskorsi li jkunu saru fil-Palament għandhom ikunu fidili kemm jista’ jkun għal dak kollu li jkun intqal.