RULING MOGĦTI MINN MR SPEAKER F’SEDUTA NRU 782 TAS-16 TA’ SETTEMBRU 2002

B’riferenza għall-każ ta’ ksur ta’ privileġġ imqajjem mill-Onor Jose’ Herrera f’seduta numru 779 tat-22 ta’ Lulju 2002, kontra l-ġurnal “Malta Today” għal artiklu li deher il-Ħadd, 21 ta’ Lulju, 2002, is-Sedja eżaminat bir-reqqa dak li deher fil-ħarġa in kwistjoni kif ukoll dak li kien qal l-Onor Herrera fil-Parlament fis-17 ta’ Lulju 2002.  Mill-eżami li sar, jirriżulta li l-ġurnal irrapporta dak li qal l-Onor Herrera kif ukoll żied il-kummenti u opinjonijiet ta’ l-istess ġurnal.  F’dan ir-rigward hemm diversi deċiżjonijiet tas-Sedja li jagħmluha ċara li m’hemm xejn li jżomm gazzetta milli tikkummenta dwar xi diskors li jkun sar fil-Parlament jew li tiġbed il-konklużjonijiet tagħha indipendentement mill-meritu tagħhom.

 

Skond l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, Kap 113 tal-Liġijiet ta’ Malta, biex ikun hemm każ ta’ disprezz irid jew ikun hemm rapport falz ta’ dak li ntqal fil-Parlament magħmul volontarjament u xjentement, jew inkella l-pubblikazzjoni tkun tammonta għal “pubblikazzjoni ta’ kull libell li jagħti malafama lill-iSpeaker jew lil xi membru li tolqot xi ħaġa magħmula minnu bħala Speaker jew bħala Membru fil-Kamra jew f’kumitat tagħha.”

 

Imma mhux kull libell li jagħti malafama lil xi membru tal-Kamra jammonta għal disprezz għaliex jidher ċar li l-liġi trid iżjed mis-sempliċi pubblikazzjoni tal-libell.  Biex il-libell ikun jammonta għal disprezz il-malafama trid tkun intimament konnessa ma’ dak li ntqal fil-Kamra.  Naturalment kull membru tal-Kamra għandu r-rimedji ordinarji fil-liġi disponibbli għalih jekk huwa jkun iħossu inġurjat b’dak li ntqal dwaru.  Imma mhux kull libell ta’ membru tal-Kamra huwa disprezz lejn il-Kamra.

 

Is-Sedja tiġbed l-attenzjoni ta’ l-istampa għad-dover li għandha li tirrapporta lill-membri fedelment u korrettement, u għall-attenzjoni u kura li għandu jkun hemm sija fir-rapporti, kif ukoll fil-kummenti li jsiru.

 

Dan ifisser li filwaqt li s-Sedja ma tħossx li għandha tiċċensura jew iżżomm lill-istampa milli tikkummenta bil-liberta’ kollha, xorta waħda dawk il-kummenti u konklużjonijiet jibqgħu soġġetti għal-liġijiet l-oħra tal-pajjiż, partikolarment il-liġi dwar l-istampa.

 

Għal dawn ir-raġunijiet is-Sedja tiddeċiedi illi l-każ imressaq mill-Onor Herrera ma jikkostitwix ksur ta’ privileġġ.

 

 

B’riferenza għall-każ ta’ ksur ta’ privileġġ imqajjem mill-Onor Anglu Farrugia f’seduta numru 781 tat-23 ta’ Lulju 2002, is-Sedja tirrepeti dak li ntqal f’diversi deċiżjonijiet preċedenti, li l-fatt li xi diskors ma jiġix rapportat ma jikkostitwix ksur ta’ privileġġ fit-termini ta’ Kap 113 tal-Liġijiet ta’ Malta.