(i)
fil-konfront
tal-ġurnal “In-Nazzjon” għar-rapport li deher fil-ħarġa
tas-6 ta’ Lulju fil-paġna “Parlament”;
(ii)
fil-konfront
ta’ l-Onor Jason Azzopardi għal dak li qal fuq l-istazzjon tar-radju Radio 101 nhar il-Ħadd, 7 ta’
Lulju, 2002;
(iii)
fil-konfront
ta’ l-istazzjon tar-radju Radio 101;
u
(iv) fil-konfront
tal-ġurnal “The Malta Independent”
għar-rapport li deher fl-istess ħarġa ta’ nhar it-Tnejn, 8 ta’
Lulju, 2002;
is-Sedja, wara li eżaminat id-dokumenti
relevanti, inkluż ir-recording
li l-istess l-Onor Joe Mizzi poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra b’rifereza
għal dak li qal l-Onor Jason Azzopardi fuq programm fuq l-istazzjoni
tar-radju Radio 101 nhar
il-Ħadd, 7 ta’ Lulju 2002; u wara li rat it-transcript u semgħet
id-diskors li l-Onor Joe Mizzi għamel waqt l-aġġornament
tas-Seduta ta’ nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju; tasal
għall-konklużjoni li fil-każi (ii), (iii) u (iv) imsemmija aktar
‘il fuq, is-Sedja ma ssib xejn li jista’ jikkostitwixxi prima facie ksur ta’ privileġġ.
Fil-każ imqajjem mill-Onor Joe Mizzi
fil-konfront tal-ġurnal “In-Nazzjon” għar-rapport li deher
fil-ħarġa tas-6 ta’ Lulju, wieħed ma jistax ma jirrimarkax li
l-mod kif ġie mfassal l-ewwel paragrafu ta’ l-artikolu huwa infeliċi
billi jista’ possibbilment jinqara’ li l-Onor. Mizzi assuma r-responsabbilta’
għal xi diskriminazzjoni minnu kommessa meta huwa ċar mid-diskors
tiegħu li huwa kien qiegħed jassumi responsabbilta’ politika
għal dak li kien ġara imma kien qiegħed jiċħad li huwa
kien għamel diskriminazzjoni.
Mit-titolu ta’ l-artikolu u anke mill-artikolu nnifsu iżjed ‘il
quddiem, joħroġ dan il-punt, imma l-ewwel paragrafu seta’
jinduċi lil wieħed fi żball.
Madankollu, kif diġa’ kellha okkażjoni tosserva s-Sedja f’rulings preċedenti, biex ikun hemm
ksur ta’ privileġġ jeħtieġ li jirriżultaw ukoll
l-elementi ta’ volontarjeta’ u traskuraġni. Meta wieħed jaqra l-artikolu sħiħ fl-assjem
tiegħu ma jistax jingħad li dawn l-elementi jirriżultaw.
Is-Sedja tattira l-attenzjoni tal-ġurnalisti
li meta jsiru rapporti ta’ diskorsi fil-Parlament dawn għandhom jiġu
rapportati b’attenzjoni u fedelment.