RULING MOGĦTI MINN MR SPEAKER F’SEDUTA NRU 761 TAL-25 TA’ ĠUNJU 2002

 Is-Sedja kkonsidrat bir-reqqa t-talba tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni biex il-Kamra tissospendi x-xogħol tagħha ħalli tiddiskuti l-materja msemmija fid-dikjarazzjoni li ġiet ippreżentata minnu.

 Kif intqal diversi drabi f’rulings preċedenti, kull talba li titressaq taħt Ordni Permanenti  Nru 13 trid tissodisfa tliet rekwiżiti ċioe', li tkun materja definita, ta' importanza pubblika u urġenti.  

 Filwaqt li l-materja mressqa mill-Onor. Kap ta’ l-Oppożizzjoni ċertament li hija definita u ta' importanza pubblika għax tikkonċerna awtorita' mwaqqfa bil-Kostituzzjoni, l-element ta’ urġenza rikjest minn Ordni Permanenti Nru 13 ma jirriżultax li huwa ġustifikat għaliex il-materja ilha żmien suġġett ta’ polemika politika, u aktar u aktar għaliex hija materja li qed tiġi ttrattata quddiem il-Qrati Maltin.  U hawnhekk nagħmel riferenza għal ruling mogħti fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 1997, u nikkwota:-

 “Il-Parlament huwa l-organu leġislattiv fil-Kostituzzjoni tagħna u fejn jidħol l-organu ġudizzjarju m'għandu jsir xejn li jista' b'xi mod jippreġudika l-indipendenza tal-Qrati u tinħoloq xi forma ta' pressjoni li tista' ttellef milli jkun hemm fair hearing u ttappan l-imparzjalita' tal-Qrati.  U bl-ebda mod il-Parlament, l-organu leġiżlattiv, m'għandu jidher li qiegħed jidħol fuq organu kostituzzjonali ieħor.”.

 Ngħaddu mill-ewwel għall-Ordnijiet tal-Ġurnata.