Rigward iż-żewġ każijiet ta’ ksur ta' privileġġ imqajma mill-Onor Joe Mizzi fis-seduti numri 722 u 723, tal-15 u s-16 ta’ April 2002, fil-konfront tal-ġurnal “The Malta Independent” is-Sedja:
1. semgħet id-diskors u rat it-transcripts tas-seduti li fihom tqajmu l-każijiet ta’ ksur ta' privileġġ, kif ukoll id-diskors ta’ l-Aġġornament li dwaru deher ir-rapport fil-ħarġa tal-ġurnal tat-12 ta’ April;
2. eżaminat ir-rapport fil-ħarġa tal-ġurnal tat-12 ta’ April, kif ukoll dak tas-16 ta’ April;
3. rat l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, partikolarment l-artikolu 11 subinċiż (4) u rriferiet speċifikament għal paragrafu (k) ta' dan l-istess artikolu; u
4. studjat rulings preċedenti mogħtija f’dan ir-rigward f’leġislaturi differenti, partikolarment dak tad-19 ta’ Novembru 1997 u dak tas-17 ta’ Jannar 1989.
Stante li f’okkażjonijiet oħra diġa’ ġie dikjarat mis-Sedja li l-fatt waħdu illi rapport ma jkunx ikopri l-punti kollha li jkun semma l-Onorevoli Membru fil-Kamra, ma jikkostitwix ksur ta’ privileġġ fit-termini ta’ l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati; u
fid-dawl tal-fatt li l-għada stess li tqajjem l-ewwel każ ta’ ksur ta’ privileġġ mill-Onor Mizzi, il-ġurnal involut ammetta li żbalja u talab apoloġija, is-Sedja jidhrilha illi m’hemmx prima facie ksur ta' privileġġ. U dan bla ebda preġudizzju għal kull azzjoni oħra li l-Onor Membru jista’ jħoss li għandu jieħu f’fora oħra.
Is-Sedja tieħu wkoll din l-opportunita’ sabiex tfakkar lill-ġurnalisti li huwa obbligu tagħhom li jirrapportaw fedelment u bl-aħjar mod li jistgħu dak li jkun qiegħed jiġri fil-kors tal-proċeduri tal-Kamra.