RULING MOGĦTI MINN MR SPEAKER F’SEDUTA NRU 712 TAT-12 TA’ MARZU 2002

B’riferenza għall-każi ta’ ksur ta’ privileġġ imqajma mill-Ministru Ninu Zammit waqt seduti numri 698 u 699 tat-13 ta’ Frar 2002, fil-konfront ta’ “l-orizzont” u l-PBS rispettivament għall-mod kif irrapportaw dak li ġara waqt is-seduta ta’ fil-għodu tat-12 ta’ Frar 2002, is-Sedja eżaminat ir-recording tas-seduta ta’ fil-għodu tat-12 ta’ Frar, id-diskors li sar mill-Ministru Zammit waqt l-aġġornament tas-seduta ta’ fil-għaxija, u r-rapporti in kwestjoni; u

B’riferenza għall-każ ta’ ksur ta’ privileġġ imqajjem mill-Onor Joe Mizzi fis-seduta numru 706 ta’ l-4 ta’ Marzu 2002, is-Sedja eżaminat l-istqarrija maħruġa mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista wara s-seduta ta’ fil-għaxija ta’ nhar l-Erbgħa 27 ta’ Frar, li rapport dwarha deher fil-ħarġa ta’ “In-Nazzjon”.

Is-Sedja tirrileva li dawn il-każijiet ma jikkwalifikawx taħt il-kriterji stabbiliti fl-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, u speċifikament paragrafi (j) u (k) ta’ subartikolu (4) ta’ artikolu 11 u għaldaqstant is-Sedja jidhrilha li m’hemmx prima facie ksur ta’ privileġġ.

Fl-isfond ta’ dan kollu, għal darb’oħra s-Sedja tappella lill-mezzi tal-media sabiex kemm jista’ jkun ifittxu li jkunu prudenti u fidili fir-rapporti tagħhom dwar dak li jkun sar u ntqal f’din il-Kamra.