RULING MOGĦTI MINN MR SPEAKER FIS-SEDUTA NRU 579 TAT-13 TA’ LULJU 2001

B'riferenza għall-każ ta' ksur ta' privileġġ imqajjem mis-Segretarji Parlamentari l-Onor George Hyzler u l-Onor George Pullicino fis-seduta numru 576 ta’ nhar it-Tlieta, 10 ta’ Lulju 2001, is-Sedja eżaminat l-ittra mibgħuta mis-Sur Edward Gauci Borda, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd, liċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-5 ta’ Lulju 2001 u li sussegwentement, ġiet ċirkolata lill-membri ta’ l-istess Kumitat.

Is-Sedja jidhrilha illi hemm prima facie ksur ta' privileġġ mis-Sur Gauci Borda fil-konfront taż-żewġ Segretarji Parlamentari in kwantu tal-kliem użat fl-ittra msemmija.

B’riferenza għall-każ ta’ ksur ta’ privileġġ imqajjem mill-istess żewġ Segretarji Parlamentari fis-seduta numru 577 ta’ nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Lulju 2001, wara li s-Sedja rat l-artiklu in kwestjoni li deher fil-ħarġa tal-ġurnal “l-orizzont” tal-11 ta’ Lulju, is-Sedja tikkonkludi li m’hemmx prima facie ksur ta’ privileġġ skond il-provvedimenti ta’ l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati.  

Is-Sedja tieħu din l-okkażjoni biex tappella lill-mezzi kollha tal-media sabiex ikunu kemm jista’ jkunu prudenti fl-eżerċizzju tad-doveri tagħhom, billi jirriflettu fedelment il-kelma u l-ispirtu ta dak li jingħad fil-Kamra.