RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 433 TAT-22 TA' NOVEMBRU 2000

 

  MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone):  Nixtieq ngħid li b’riferenza għal każ ta’ ksur ta’ privileġġ mqajjem mill-Onor. Joe Mizzi, fis-seduta ta’ nhar il-Ġimgħa, ta’ 17 ta’ Novembru, 2000 dwar l-istqarrija għall-iStampa maħruġa mill-media link fil-15 ta’ Novembru, 2000, is-Sedja eżaminat bir-reqqa l-istqarrija msemmija, it-transcripts mhux uffiċjali tad-diskors ta’ l-Onor. Mizzi, kif ukoll it-transcript mhux uffiċjali ta’ l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra, li saret fil-15 ta’ Novembru, 2000.  Minn dan l-eżami, is-Sedja waslet għal konkużjoni li l-każ mqajjem ma jikkostitwixxi ksur ta’ privileġġ skond il-kriterji stabbiliti fis-subartiklu 4 ta’ l-artiklu 11 ta’ l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, Kap 113 tal-Liġijiet ta’ Malta.

    Minkejja dan, is-Sedja tirrepeti l-appell li saret diversi drabi, f’rulings preċedenti, li l-membri tal-media għandhom l-obbligu li jirrapportaw fedelment u mill-aħjar abbilita’, dak li jkun għaddej fil-kors tal-proċeduri tal-Kamra tal-Kumitati u tal-kumitati tagħha, mingħajr ma jinġibdu konklużjonijiet estranei għall-istess proċeduri.