RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 320 TA' L-20 TA' ĠUNJU 2000

THE CHAIRMAN: Se nagħti ruling fuq il-punt imqajjem mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni matul is-seduta ta’ l-20 ta’ Ġunju 2000.

L-estratt ta' l-Erskine May li għalih għamel riferenza l-Kap ta' l-Oppożizzjoni jgħid testwalment:-

"At the end of a Bill there may be one or more schedules which contain matters of detail dependent on the provisions of the Bill. A schedule is part of the Bill but is dependent on one or more of the preceding clauses by means of which the provisions of the schedule are carried into effect. Schedules are common in Government Bills and are not infrequently as long or longer in total length than the provisions of the Bill. The Finance Bill 1995/96 was published in two separate volumes of roughly equal length, volume one containing the clauses of the Bill and volume two the schedules.".

It-Tieni Skeda li dwarha l-Kap ta' l-Oppożizzjoni talab ruling hi dipendenti fuq klawsola 32 ta' l-abbozz ta' liġi li qed jiġi diskuss u hi konsegwenzjali għad-dispożizzjonijiet ta' l-abbozz li qed jibdel is-sistema legali li tirregola t-telekomunikazzjoni. Il-Kap ta' l-Oppożizzjoni qiegħed jikkontesta jekk kellux jiġi ppreżentat abbozz ta' liġi separat li jemenda l-Att Nru XXXIII ta' l-1997 minflok ma l-emendi jsiru fi skeda għal dan l-abbozz li l-Kamra għandha quddiemha llum.

L-iskeda tagħmel fid-dettall l-emendi konsegwenzjali għal Att Nru XXXIII ta' l-1997 li huma meħtieġa b'konsegwenza għall-prinċipji enunċjati f'klawsola 4 ta' l-abbozz. Jekk l-Att Nru XXXIII ta' l-1997 ma jiġix emendat kif provdut fl-iskeda, ir-riżultat ikun li jkollna żewġ liġijiet inkompatibbli. Din il-proċedura li tipprovdi għal emendi, konsegwenzjali u m'humiex, fi skeda għal abbozz, hi proċedura li ilha segwita żmien twil f'dan il-Parlament u llum tikkostitwixxi prattika kostanti ta' din il-Kamra.

Fil-leġislatura li għaddiet din il-Kamra approvat l-Att Nru. XVII ta' l-1998 li permezz tal-Ħames Skeda tiegħu emenda l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income, Kap 123, l-Att ta' l-1994 dwar is-Segretezza Professjonali u l-Att ta' l-1995 dwar il-Kumpanniji.

Fil-leġislatura ta' qabel dik, l-Att Nru XXIV ta' l-1995 fl-iskeda tiegħu dipendenti fuq il-klawsola 360 ġew emendati 16-il liġi oħra, senjatament Kap 1, Kap 9, Kap 135, Kap 199, Kap 217, Kap 220, Kap 261, Kap 266, Kap 280, Kap 13, Kap 48, Kap 55, Kap 65, Kap 69, Kap 108, Kap 289 u Kap 326.

L-Att Nru IX ta' l-1982 ħassar u emenda b'żewġ skedi, dipendenti minn abbozz konsistenti biss fi tliet klawsoli, 30 liġi li 20 minnhom ġew kompletament imħassra.

L-Att Nru VIII ta' l-1982, bi skeda dipendenti minn abbozz ta' żewġ klawsoli, emenda disa' liġijiet.

Sabiex wieħed imur aktar 'il bogħod minn hekk jista' jsemmi l-Att Nru XXXI ta' l-1966 li bi skeda dependenti fuq abbozz bi tliet klawsoli emenda 45 liġi.

Għalhekk jidher illi kemm fid-dawl ta' l-artikolu 67(1) tal-Kostituzzjoni li jipprovdi li l-Kamra tirregola l-proċedura tagħha stess, kif ukoll l-ordni permanenti 197, ma hemm xejn li jirrendi l-proċedura adottata fit-Tieni Skeda ta' dan l-abbozz nulla jew ultra vires.