RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 298 TAT–23 TA' MEJJU 2000
THE DEPUTY SPEAKER (Onor. Michael Bonnici): Waqt is-seduta ta’ nhar it-Tlieta, 28 ta’ Marzu 2000, tqajmu żewġ materji min-naħa ta’ l-oppożizzjoni - cioe’ mill-Onor Joe Mizzi u mill-Onor Carmelo Abela - li s-Sedja tħoss li huma importanti għal aktar ordni u kontroll tal-Kamra.
L-ewwel punt kien dwar "jekk membri ta’ din il-Kamra li waqt is-seduta jkunu qegħdin wara s-Sedja jew fejn hemm ir-reporters jew inkella fejn ikunu l-viżitaturi, fil-fatt ikunux meqjusa li huma preżenti fil-Kamra". Is-Sedja kkonsidrat din il-materja u tinnota li għall-fini ta’ attendenza tas-seduta - kif sussegwentement ikunu jidhru fil-minuti tal-Kamra - dawk l-Onor. Membri li juru l-preżenza tagħhom, ikunu f’liema parti tal-Kamra jkunu, dawn jiġu nnotati mill-Iskrivan tal-Kamra u jitniżżlu bħala preżenti, anke jekk ma jidħlux fl-area ta’ fejn hemm il-post privileġġjat tas-siġġu tagħhom.
Għalkemm l-istanding orders ma jgħidu xejn dwar il-precincts reali tal-Kamra u safejn huwa aċċettat li membru għandu jiġi kkonsidrat li huwa preżenti, ħafna drabi li jiġri hu li membru - aktarx ministru - imur jikkonsulta ruħu ma’ l-advisors wara s-Sedja, u dan qatt ma ġie mifhum li l-membru jkun ħareġ barra mill-Kamra. Inżid ngħid li meta tissejjaħ division it-tieni darba, l-Ispeaker jordna li jingħalqu l-bibien u jordna sabiex kulħadd jieħu postu, dan ta’ l-aħħar sabiex l-għadd isir b’mod korrett u jiġi vverifikat. Għaldaqstant, bħalma s-Sedja rrimarkat dakinhar, għall-fini ta’ sejħa għal quorum, il-membri li jkunu preżenti fil-Kamra sew f’posthom kif ukoll fl-area ta’ din is-sala minn fejn jistgħu jiġu identifikati, jgħoddu għan-numru rikjest għal quorum.
Wieħed mir-regolamenti ta’ kull istituzzjoni huwa dak fejn jiġi indikat l-inqas numru ta’ membri sabiex seduta tkun tista’ tiffunzjona, u dan huwa l-quorum. Dan dejjem ġie stabilit sabiex jitħares dak in-numru rikjest ta’ membri preżenti għas-seduta. Fil-fatt meta jissejjaħ quorum dan isir bl-iskop li jiġi assigurat li dan in-numru huwa fil-fatt reali. Iżda meta jiġi stabilit ma jfissirx li għandu jibqa’ jiġi rikjest diversi drabi għaliex jista’ jiġri bħalma diġa’ qalet is-Sedja f’dik l-okkażjoni li waqt li l-istanding orders għandhom jiġu osservati u dan huwa sewwa, ma jfissirx li għandhom jiġu abbużati għal xejn b’xejn.
Hawnhekk ukoll ta’ min jinnota punt ieħor importanti f’każ ta’ sejħa għal quorum u r-rilevanza tan-numru tal-membri rikjest skond standing order 11. Huwa fatt li ħafna drabi l-kumitati tal-Kamra jsiru waqt is-seduta plenarja u għalkemm numru ta’ membri jkunu qegħdin jaqdu d-doveri tagħhom fuq xogħol ieħor tal-Kamra dan lanqas ma jfisser li dawk il-membri jkunu assenti. Saħansitra fil-każ odjern, meta saret talba għal quorum, mhux inqas minn għoxrin membru ta’ din il-Kamra kienu qegħdin iwettqu doveri oħra li l-Kamra ordnatilhom biex jagħmlu f’parti oħra ta’ dan il-bini. Għalhekk is-Sedja ma tistax ma tirrimarkax li f’din l-okkażjoni mhux biss ix-xogħol tal-Kamra kellu jieqaf iżda wkoll xogħol ieħor li l-Kamra ddelegat.
Dwar it-tieni punt is-Sedja tirriferi għal ruling mogħti fis-seduta nru 17 tas-7 ta’ Awissu 1987, meta dakinhar l-Onor Dom Mintoff kien talab ruling dwar il-konfini tal-Kamra tad-Deputati. F’dak ir-ruling is-Sedja ddikjarat li l-istrangers gallery kollha u l-kuriduri ta’ madwarha jifformaw parti integrali mill-Kamra. Kien hemm ukoll okkażjoni meta persuna daħlet fejn attwalment jieħdu posthom il-membri u dakinhar dan l-avveniment kien ġie ddikjarat bħala ksur ta’ privileġġ, għalkemm il-każ qatt ma ġie dibattut minħabba li laħqet spiċċat dik is-sessjoni parlamentari.
Sal-ġurnata tal-lum qatt ma tqajjem ksur ta’ privileġġ kontra xi stranger li kien qiegħed fil-postijiet ta’ wara s-Sedja, li huma ġeneralment mifhuma bħala riservati għall-advisors tal-gvern u f’okkażjoni waħda anke għad-dispożizzjoni ta’ l-oppożizzjoni. Iżda jrid jingħad li ġieli nġibdet l-attenzjoni mill-membri li jekk il-persuni preżenti f’din il-parti mhumiex hekk awtorizzati bħala advisors, allura għandhom joħorġu. Iżda hawnhekk ukoll l-ordnijiet permanenti ma jgħidu xejn dwar din il-parti tal-Kamra u dak li ntqal qabel huwa biss mifhum u konswetudni.
Jekk wieħed iħares lejn Erskine May - paġna 181, 22nd edition - isib li:
"The admission of strangers has formed the subject of enquiry of several select committees … The House had earlier agreed to limit the number of members’ personal staff, research assistants and lobbyists who are allowed access to the House … Members are expected to take care not to introduce visitors who they have any reason to suppose will behave in a disorderly way.".
Minkejja dan kollu minn dan ir-ruling wieħed għandu jifhem biżżejjed kemm verament jinħtieġ li l-istanding orders tagħna jiġu riveduti mill-għeruq u s-Sedja terġa’ tirrakkomanda sabiex dan isir biex jiġu evitati ċirkostanzi li jkunu jinħtieġu studju dettaljat dwar materji li l-ordnijiet tagħna ma jipprovdu l-ebda soluzzjoni għalihom.
Fl-aħħarnett is-Sedja tirrakkomanda wkoll li din il-materja tkun inkluża fuq l-aġenda tal-Kumitat Permanenti dwar il-Privileġġi.