RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 283 – L-ERBGĦA, 12 TA’ APRIL 2000

MR SPEAKER: Se ngħaddi biex nagħti ruling fuq il-punt imqajjem mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni fis-seduta tal-bieraħ filgħaxija dwar x'se tkun il-prattika tas-Sedja fuq kwestjoni ta' vot u fuq liema bażi se tiddeċiedi.

Is-Sedja ssostni d-deċiżjoni li ngħatat fuq punt proċedurali fis-seduta tal-bieraħ għaliex hija kkonfortata mill-konswetudni kif ukoll mid-deċiżjoni tad-19 ta' Diċembru 1998, u ċioe' li meta jintalab vot fil-Kamra s-Sedja tqis li l-vot jgħaddi skond in-numru rispettiv taż-żewġ naħat tal-Kamra.

Għal darb'oħra s-Sedja tirrileva li kull meta titqiegħed kwestjoni għall-vot tistaqsi min hu favur u min hu kontra, u tqis li l-vot ikun għadda jew m'għaddiex skond in-numru rispettiv taż-żewġ naħat tal-Kamra, u dan sakemm ma jkunx hemm xi ħadd li waqt id-dibattitu jkun wera li mhux se jivvota mal-grupp parlamentari li jkun jappartjeni għalih. Jekk xi ħadd li jkun fil-minoranza kif iddikjarata mis-Sedja jidhirlu li għandu jikkontesta dak il-vot, għandu l-fakulta' li jitlob division u r-riżultat ta' dik il-votazzjoni ikun ir-riżultat finali. Dan hu l-mod kif il-Kamra fl-ordni permanenti 83 tirregola l-mod kif għandhom jiġu vverifikati l-votazzjonijiet tal-membri tagħha.

Is-Sedja ssostni wkoll li dan li qed jingħad issa bl-ebda mod ma jippreġudika d-deċiżjoni mogħtija minnha fis-seduta ta' nhar it-Tnejn u tenfasizza li meta jintalab vot f'din il-Kamra, kull membru għandu jibqa' liberu li jesprimi ruħu kif iħoss li hu xieraq.