RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 280 – IT-TNEJN, 10 TA’ APRIL 2000

MR SPEAKER:  "Artikolu 65 (1) tal-Kostituzzjoni ma jelenkax id-drittijiet u l-funzjonijiet kollha tal-parlament iżda jgħid biss illi l-parlament jista', u cioe' għandu s-setgħa li, jagħmel liġijiet għall-paċi, ordni u gvernar tajjeb ta' Malta.

Barra mill-poter tal-parlament li jagħmel liġijiet kif stabilit f'artikolu 65 (1), il-parlament għandu poteri oħra stabiliti b'liġijiet differenti u anke bi tradizzjoni, kemm ta' din il-Kamra stess kif ukoll tal-parlament ta' Westminster, li fuq it-tradizzjonijiet tiegħu hu stabilit il-parlament tagħna.

Fil-fatt artikolu 67 (1) ta' l-istess Kostituzzjoni jgħid li l-Kamra tad-Deputati tista' tirregola l-proċeduri tagħha stess, u dan hu aktar attinenti għall-każ tal-lum għax filwaqt li artikolu 65 jitkellem fuq il-parlament li jikkomprendi l-President kif ukoll il-Kamra tad-Deputati, hawnhekk qed nitkellmu fuq mozzjoni quddiem il-Kamra tad-Deputati.

Issa barra mill-poteri mogħtija mid-diversi liġijiet, il-Kamra hi tradizzjonalment il-post fejn ir-rappreżentanti tal-poplu eletti bħala deputati f'din il-Kamra jiddibattu u jittrattaw kwestjonijiet li jinteressaw il-pajjiż. Tant hu hekk illi l-ordni permanenti tal-Kamra 13 jitkellem fuq l-aġġornament tal-Kamra biex l-istess Kamra tiddibatti fuq ħaġa definita, ta' importanza pubblika u urġenti. Dan mhux kompriż fis-setgħa tal-parlament li jagħmel liġijiet imma huwa proprju rikonoxximent tas-setgħa tal-Kamra li tiddibatti ħwejjeġ ta' importanza pubblika. U ma hemm xejn la fil-Kostituzzjoni, la fl-ordnijiet permanenti u lanqas f'xi liġi oħra li tillimita dan id-dibattitu għal mozzjoni li tikkritika lill-gvern jew xi parti mill-Kamra u tipprojbixxi mozzjoni fuq kull ħaġa oħra li l-Kamra tista' tqis ta' importanza pubblika. U ħadd ma jista' jgħid li dak li tagħmel l-oppożizzjoni jew il-GWU mhuwiex ta' importanza pubblika.

Mozzjoni bħal din ippreżentata mill-prim ministru la tmur kontra l-Kostituzzjoni, la kontra l-ordnijiet permanenti u lanqas xi liġi oħra, u tista' tiġi ppreżentata fil-Kamra u deċiża kif jipprovdi l-ordni permanenti tal-Kamra 21, cioe' li tiġi deċiża skond il-voti tal-membri, li bl-ebda mod ma huma marbuta bl-aderenza tagħhom għal xi partit iżda jivvotaw skond kif jidhrilhom li għandhom jivvutaw.".

Għaldaqstant insejjaħ lill-Prim Ministru biex jagħmel l-intervent tiegħu.