RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 279 tal-5 TA' APRIL 2000

MR SPEAKER: Is-Sedja kkonsidrat bir-reqqa t-talba tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni sabiex il-Kamra tissospendi x-xogħol tagħha ħalli tiddiskuti l-materja msemmija fid-dikjarazzjoni ppreżentata minnu.

Is-Sedja tfakkar li kull talba li titressaq taħt Ordni Permanenti 13 għandha tissodisfa tliet rekwiżiti, cioe' li tkun materja definita ta' importanza pubblika u urġenti. Il-punti ttrattati fil-mozzjoni tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni fit-totalità tagħhom jikkostitwixxu materja definita u ta' importanza pubblika. Madanakollu meta jinqala' każ taħt Ordni Permanenti 13, l-element ta' urġenza huwa neċessarjament element fundamentali għall-konsiderazzjoni tas-Sedja sabiex hi tasal għall-konklużjoni jekk għandhiex tilqa' t-talba taħt l-ordni permanenti msemmija.

Meta s-Sedja tikkonsidra l-urġenza, għandha tara mhux biss jekk il-materja nnifisha hijiex urġenti iżda wkoll jekk din tkunx tant mgħaġġla li l-Kamra jkollha tiddibattiha dak il-ħin u tissospendi xogħol ieħor għax inkella jkun tard wisq jekk tiġi dibattuta fi stadju ieħor. Is-Sedja tfakkar li dejjem jeżisti r-rimedju li titressaq mozzjoni taħt il-proċeduri normali stabiliti bl-ordnijiet permanenti. Fid-dawl ta' dak li ġie ddikjarat illejla stess f'din il-Kamra min-naħa tal-Prim Ministru, u nikkwota: "Naħseb li ma jkunx hemm diffikultà li jsir dibattitu", is-Sedja temmen li hemm lok li dan is-suġett jiġi ttrattat taħt il-proċeduri normali.

Għaldaqstant fiċ-ċirkostanzi ma tħossx li għandha tilqa' t-talba u għalhekk il-Kamra issa tgħaddi għall-Ordnijiet tal-Ġurnata.