RULING MOGĦTI F'SEDUTA NRU 273 tat-28 ta' Marzu 2000
MR SPEAKER: Tqajjem il-punt dwar jekk huwiex regolari li l-mistoqsijiet parlamentari għas-seduta li jkun imiss, jitqassmu minn qabel.
Meta possibbli, l-aġenda tas-seduta tal-parlamentari tintbagħat bil-posta u llum il-ġurnata tinsab ukoll fuq l-internet. Madanakollu, meta l-parlament ikun qed jiltaqa’ filgħodu u filgħaxija, ma jkunx fiżikament possibbli li l-aġenda titqassam lil kulħadd qabel is-seduta li jkun imiss u dan għax ħafna drabi fil-ħin ta’ l-interruzzjoni tax-xogħol, meta jitressaq l-aġġornament għas-seduta ta’ wara, mhux il-membri kollha jkunu preżenti. Għaldaqstant il-prassi hi li fis-seduta ta’ filgħaxija tkun disponibbli lista tal-mistoqsijiet li jkunu se jidhru fuq l-aġenda tas-seduta ta’ l-għada filgħodu; u matul is-seduta ta’ filgħodu titqassam lista tal-mistoqsijiet li jkunu se jidhru fuq l-aġenda tas-seduta ta’ dakinhar fil-għaxija. Naturalment din il-lista ma tkunx tinkludi l-ordnijiet tal-ġurnata, li jiġu stabiliti meta ssir il-proposta għall-Aġġornament tal-Kamra, u allura ma tistax tissejjaħ aġenda proprja.
Ta’ min jgħid li m’hemm l-ebda regolament li jimpedixxi t-tqassim tal-mistoqsijiet għas-seduta ta’ wara, ġaladarba f’dak l-istadju ma jkunux jistgħu jidħlu iktar mistoqsijiet, skond Ordni Permanenti Nru. 22, li jistipula li:
"Għandu jingħata avviż ta’ mill-anqas tlitt ijiem għal interpellanza ...".
Irid jingħad ukoll illi l-prassi li l-mistoqsijiet jitqassmu matul is-seduta ta’ qabel ġiet adottata għall-konvenjenza tal-Membri kollha tal-Kamra, partikolarment ta’ dawk li jkollhom mistoqsijiet parlamentari li jkunu se jidhru fuq l-aġenda, u allura jistgħu jissejħu sabiex jagħmlu l-mistoqsija tagħhom għal tweġiba orali.
Ovvjament l-aġenda uffiċjali tiġi ppubblikata, anke b’mod elettroniku, wara li jitressaq l-Aġġornament tal-Kamra.