RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 264 tal-15 TA MARZU 2000
MR SPEAKER (Onor. Anton Tabone): B'riferenza għall-każ ta' ksur ta' privileġġ imqajjem mill-Onor. Silvio Parnis waqt is-seduta tat-Tnejn, 6 ta' Marzu 2000, is-Sedja eżaminat id-dokumenti li mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Onor. Membru, u cioe' estratti mill-ġurnali ''in-nazzjon'' u ''The Malta Independent'' tat-2 u t-3 ta' Marzu, 2000 flimkien ma' estratt mit-traskrizzjoni tas-seduta parlamentari nru 254 ta' l-Erbgħa, 1 ta' Marzu, 2000.
Minn dan l-eżami joħroġ li matul is-seduta ta' l-1 ta' Marzu, 2000 l-Onor. Parnis uża l-kliem:
''Iva, anke l-bandiera ta' l-Unjoni Ewropea li ħraqna rridu nsemmu!".
Minn hawn joħroġ biċ-ċar li l-Onor. Parnis m'użax il-kelma ''aħna'' jew ''we'', għalkemm jirriżulta wkoll li l-Onor. Membru kellu kull opportunitą, f'dak il-ħin li qam l-inċident, biex jikkjarifika d-diskors tiegħu u b'hekk kien jiġi evitat kull ekwivoku iżda l-Onor. Parnis naqas li jagħmel dan. Għalhekk ma jistax jingħad li l-Onor. Membru ġie kkwotat jew irrapportat b'mod falz jew mgħawweġ, bi ksur ta' l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati, kif speċifikat f'paragrafu (k) ta' subartiklu (4) ta' artiklu 11 ta' Kap 113 tal-Liġijiet ta' Malta, u nikkwota:
''Il-pubblikazzjoni volontarja jew bi traskuraġni ta' xi rapport falz jew mgħawweġ ta' xi dibattitu jew proċedimenti tal-Kamra jew ta' xi kumitat tagħha.''
Għaldaqstant is-Sedja m'hijiex f'pożizzjoni li tilqa' t-talba ta' l-Onor. Parnis.
Madankollu s-Sedja tieħu l-opportunitą sabiex tfakkar lill-membri tal-media li fil-qadi tad-doveri tagħhom għandhom l-obbligu li jirrapportaw fedelment u bl-aħjar abilitą dak li jkun qiegħed jiġri u jingħad fil-kors tal-proċedimenti tal-Kamra.