RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 166 tas-27 TA’ OTTUBRU 1999

  MR SPEAKER:  Nirriferi għall-punt imqajjem mill-Onor. Joe Mizzi fis-seduta numru 162 ta’ nhar it-Tnejn, 25 ta’ Ottubru, 1999 dwar mistoqsija parlamentari numru 10676, fejn staqsa jekk dik il-mistoqsija tmurx kontra l-ordnijiet permanenti.  F’dik il-mistoqsija l-Onor. Interpellant għamel riferenza għall-fatt li l-kwestjoni li kien qed jistaqsi dwarha kienet issemmiet fil-kumitat permanenti dwar ix-xogħol tal-Kamra kif ukoll fil-welfare committee.

Subartiklu (4) ta’ artiklu 27 ta’ l-ordnijiet permanenti jgħid li:

     "Ma għandhiex issir interpellanza dwar proċeduri f’Kumitat li ma jkunux tqiegħdu quddiem il-Kamra b’rapport tal-Kumitati;".

Il-fatti huma li l-kumitat permanenti dwar ix-xogħol tal-Kamra ma ddiskutiex dan il-punt bħala item ta’ l-aġenda u ma rabatx lilu nnifsu li jirrapporta dwaru.  Dan ifisser li f’dan ir-rigward wieħed ma jistax jgħid b’mod assolut li kien hemm proċeduri għaddejjin fi ħdan dan il-kumitat.  Min-naħa l-oħra l-welfare committee, li wkoll iddiskuta s-sitwazzjoni ta’ dawn il-membri parlamentari, m’huwiex kumitat tal-Kamra mwaqqaf b’riżoluzzjoni tal-Kamra jew bl-ordnijiet permanenti u l-proċeduri tiegħu ma jitqiegħdux “quddiem il-Kamra b’rapport”. 

Għaldaqstant is-Sedja ma tqisx li l-mistoqsija parlamentari numru 10676, li fil-fatt ġiet risposta mill-ministru konċernat, tmur kontra l-ordnijiet permanenti tal-Kamra.