RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 145, IT-TNEJN, 27 TA' SETTEMBRU 1999

MR SPEAKER:  Is-Sedja kkonsidrat it-talba ta' l-Onor. George Vella sabiex isir l-aġġornament tal-Kamra abbażi ta' l-Ordni Permanenti Nru 13 ta' l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.

Mingħajr preġudizzju għall-kwestjoni tal-ħin li fih tressqet it-talba mill-Onor Membru, u mingħajr preġudizzju għall-fatt li s-Sedja ma ngħatatx dikjarazzjoni bil-miktub kif titlob l-istess Ordni Permanenti, għalkemm is-suġġett huwa ta' importanza pubblika, kif intqal ripetutament f'rulings preċedenti, id-deċiżjoni tas-Sedja dwar jekk taċċettax mozzjoni taħt l-Ordni Permanenti Nru 13 tiddependi fost ħwejjeġ oħra fuq l-aspett ta' urġenza u li din tkun tali illi ma jkunx hemm alternattiva oħra ħlief illi l-Kamra tissospendi x-xogħol tagħha biex tiddiskuti s-suġġett indikat.

Meta dan il-prinċipju jiġi applikat għall-każ imressaq mill-Onor Vella, is-Sedja tasal għall-konklużjoni illi m'hemmx l-urġenza rikjesta mill-Ordni Permanenti Nru 13 u għalhekk tiddeċiedi billi tiddikjara illi l-każ ma jaqax taħt dan l-Ordni Permanenti.