RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 143 TA' L-ERBGĦA, 28 TA' LULJU 1999

Biex dokument jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra jeħtieg li ma jkunx hemm oġġezzjoni għall-istess mill-Membri.

Għalhekk is-Sedja meta ssir talba biex dokument jitqiegħed fuq il-Mejda tistaqsi jekk ikunx hemm oġġezzjoni, u jekk ma jkunx hemm tali oġġezzjoni, id-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda wara li s-Sedja tikkonstata li hemm permess għall-istess.

Hi s-Sedja li trid tara jekk ikunx hemm oġġezzjoni jew le, u l-fatt li membru tagħha ikun poġġa hu stess fuq il-Mejda, jew ta fiżikament dak id-dokument lil messaġġier tal-Kamra, ma jissostitwix dak li trid tagħmel is-Sedja u ċioe’ tara jekk ikunx hemm oġġezzjoni.

Biex is-Sedja ma ttellifx lil min ikun qiegħed jitkellem, is-Sedja ħafna drabi tpoġġi l-mistoqsija dwar jekk ikunx hemm oġġezzjoni malli dak li jkun qiegħed jitkellem jieqaf. Kien f’dak il-mument li l-bieraħ is-Sedja poġġiet id-domanda, u billi kien hemm oġġezzjoni, ma tatx permess li d-dokument jitqiegħed fuq il-Mejda.

Għalhekk meta s-Sedja mxiet kif imxiet fis-Seduta tas-27 ta’ Lulju 1999 u wara li kien hemm oġġezzjoni, ma ppermettietx it-tqegħid tad-dokument, imxiet skond ir-regoli u il-prassi tal-Kamra.