Ruling mogħti fis-Seduta Nru 125 tas-17 ta' Ġunju, 1999

THE DEPUTY CHAIRMAN:  Wara li semgħet il-punt imqajjem mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, u ċioe’ li d-Deputat Michael Bonnici m'għandux jivvota fuq il-mozzjoni odjerna u dan abbażi ta’ l-Ordni Permanenti Nru 89, is-Sedja ħadet in konsiderazzjoni:

(i) li l-kelma “pekunjarju” tfisser ''interess ta’ flus'', u l-istess sinifikat jingħata mid-dizzjunarju Ingliż, fis-sens ta': “consisting of money”, “entailing a money penalty”;

(ii) li l-mozzjoni in kwestjoni m'għandha x’taqsam xejn ma’ kwestjoni ta’ interess monetarju ta’ l-imsemmi Deputat; u

(iii) il-prattika li ġiet segwita minn din il-Kamra, u ċioe’ li fis-Seduta Nru 58 tad-19 ta’ Ottubru 1992, f’mozzjoni ta’ sfiduċja fil-ministru tal-finanzi dan ta l-vot; u kif ukoll fis-Seduta Nru 254 ta’ l-21 ta’ April 1994, f’mozzjoni ta’ sfiduċja  fil-ministru ta’ l-intern u żvilupp soċjali, dan kien ivvota wkoll.

Għaldaqstant is-Sedja tiddeċiedi li l-Onor Michael Bonnici għandu dritt jivvota.