Ruling mogħti mill-President tal-Kumitati fis-Seduta Nru 45 tad-19 ta' Diċembru 1998

THE CHAIRMAN:  Il-punt li dwaru ser jingħata dan ir-ruling huwa dwar kif is-Sedja għandha tqis il-vot meta jintalab vot fil-Kamra.

Meta jintalab vot fil-Kamra l-konswetudni hi illi s-Sedja tqis illi l-vot jgħaddi skond in-numru rispettiv taż-żewġ naħat tal-Kamra.. Is-Sedja rat ir-ruling mogħti minnha fis-seduta Nru 241 ta’ l-14 ta’ Lulju 1998. F’dik is-seduta Membru min-naħa tal-Gvern kien diġa’ ddikjara li ma kienx jaqbel ma’ l-emendi li kienu tressqu mill-Gvern. Meta jiġri hekk, u ċioe’ meta Membru minn naħa jew oħra jivvota mhux skond il-vot tal-grupp tiegħu, allura s-Sedja trid tara x’inhu eżattament il-vot tal-Kamra skond l-artiklu 71 tal-Kostituzzjoni fin-nuqqas ta’ Ordni Permanenti li tirregola l-materja. Hekk għamlet dak inhar is-Sedja, peress li kif diġa’ ntqal Membru tal-Gvern kien iddikjara li ma jaqbilx ma’ l-emendi proposti mill-Gvern.

F’din l-okkażjoni tal-lum ma kien hemm ebda indikazzjoni minn ebda naħa li xi ħadd mill-Membri kien se jivvota kontra l-mod kif kien se jivvota l-grupp parlamentari li għalih jappartjeni. Allura s-Sedja tqis li jkunu vvotaw il-membri kollha skond il-forza numerika ta' kull naħa, u sakemm ma tintalabx division il-kwistjoni titqies li ġiet deċiża skond dik il-forza numerika. Hekk ġara f’dan il-każ u s-Sedja ddikjarat li l-klawsola għaddiet.