RULING MOGĦTI FIS-SEDUTA NRU 35, IT-TLIETA, 15 TA' DIĊEMBRU, 1998

MR SPEAKER:  L-Ordni Permanenti Nru 49 jipprovdi li Membru jista' jitkellem għal mhux aktar minn 40 minuta iżda dan il-ħin jista' jiġġedded għal mhux aktar minn 30 minuta bil-kunsens tal-Kamra u dan skond ir-raba' proviso għall-istess Ordni Permanenti.

Meta jgħaddu t-tletin minuta imsemmija, biex ikompli jitkellem Membru jridu jiġu sospiżi l-Ordnijiet Permanenti skond l-Ordni Permanenti 194 jew 195 skond il-każ.

L-Ordni Permanenti Nru 194 jipprovdi li mozzjoni biex jiġu sospiżi l-Ordnijiet Permanenti tista' ssir mingħajr avviż jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni minn xi Membru preżenti. Jekk ikun hemm oġġezzjoni japplika l-Ordni Permanenti Nru 195 li jirrikjedi avviż għall-mozzjoni. L-Ordni Permanenti 35 ma japplikax għall-mozzjoni proposta mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni li fis-sustanza tagħha hi mozzjoni kif kontemplata fl-Ordnijiet Permanenti Nri 194 u 195.